Postijiet Storiċi
It-Tempji tal-Ġgantija
L-aktar sit preistoriku famuż tal-Arċipelagu Malti huwa dak tat-Tempji tal-Ġgantija tax-Xagħra, li jmorru lura għal madwar is-sena 3600 QK. Kien l-ewwel wieħed mill-monumenti preistoriċi Maltin li tnaddaf mill-fdalijiet u terrapien. Din l-operazzjoni saret mill-Logotenent-Kurunell John Otto Bayer, bi spejjeż tiegħu, meta kien Uffiċjal Kap Ċivili ta’ Għawdex (1819 - 1826). Hemm żewġ tempji: dak tan-Nofsinhar u dak tat-Tramuntana. Rekords fil-Guiness Book of Records jikkonfermaw li dawn it-tempji huma "l-eqdem strutturi indipendenti fid-dinja".
Il-Mitħna Ta’ Kola
Din tinsab nofs triq bejn it-Tempji tal-Ġgantija u l-pjazza tar-raħal u tidher sew mill-bogħod. Il-Mitħna ta’ Kola hija mitħna tipika ta’ Għawdex, li bħalha hemm mill-inqas erbatax. Mibnija fl-1725, din il-mitħna għadha f’kundizzjoni li taħdem tajjeb. Kien jieħu ħsiebha ċertu Ġużepp Grech, li miet fl-1987, fl-età ta’ sebgħa u tmenin sena. Wara l-mewt tiegħu, il-post ġie restawrat u fis-6 ta’ Settembru 1992 ġie inawgurat mużew tal-folklor, imwaqqaf fil-kmamar tal-mitħna stess.
Ċimiterju u Sptar tal-Pesta
Fis-7 ta’ April 1813, il-pesta waslet Malta mill-belt ta’ Kostantinopli. Minħabba kwarantina stretta ħafna, Għawdex inħeles mill-epidemija. F'daqqa waħda, meta l-pesta ġiet megħluba f'Malta, din faqqgħet fix-Xagħra f'nofs Frar tas-sena 1814. Il-lokalità tax-Xagħra ġiet iżolata mill-ewwel b’riġment doppju ta' suldati u twaqqaf ukoll sptar temporanju f'farmhouse kbira magħrufa bħala Tal-Qasam fl-inħawi ta’ Għajn Lukin. Wieħed irid jinnota l-kuraġġ tat-tabib Ingliż George Mc Adam, li volontarjament għażel li jiġi x-Xagħra jfejjaq lill-morda, bir-riskju li jiġi nfettat. Matul din l-epoka traġika mietu b’kollox mija u erba’ persuni (104). Fost dawn kien hemm it-Tabib Mc Adam innifsu u l-kappillan Dun Vincenz Cauchi, li miet fis-27 ta’ April. Sas-26 ta’ Lulju, il-pesta kienet ġiet eliminata. Fit-8 ta’ Settembru 1814, Malta ġiet iddikjarata uffiċjalment ħielsa minn din l-epidemija. Il-vittmi huma kollha midfuna f’għalqa ftit ’il bogħod mill-isptar.
L-Għar ta’ Kalipso
L-Għar ta’ Kalipso joffri tieqa lejn il-bajja meraviljuża u ramlija tar-Ramla l-Ħamra. Fil-leġġenda jingħad li f’dan l-għar għexet in-ninfea Kalipso. Skont l-Odissea, poeżija Griega antika attribwita lil Omeru li fjorixxa fid-disa’ seklu QK, meta Ulisse kien qed jirritorna minn Troja lejn Itaka wara l-Gwerra Trojana, kien nawfragu fuq Ogygia, il-gżira ta’ Kalipso. Ogygia hija identifikata ma’ Għawdex. Minn dan l-għar artistiku, wieħed jista’ jgawdi veduta mill-isbaħ tal-Bajja tar-Ramla l-Ħamra.
Brockdorff Circle
Dan is-sit jinsab fiż-żona magħrufa komunement bħala Tal-Qaċċa. It-tindif tas-sit inbeda minn John Otto-Bayer iżda qatt ma ġie konkluż u għalhekk reġa’ ġie kkonvertit f’art li tinħarat. Ġie skopert mill-ġdid minn Joseph Attard Tabone, imwieled ix-Xagħra, li kien ukoll strumentali għat-tħaffir tiegħu bejn l-1987 u l-1994. Huwa għandu l-għarfien dwar Għawdex preistoriku u skont hu, is-sit jista’ jissejjaħ b’mod iktar preċiż bħala Ipoġew, il-post fejn jindifnu l-bennejja tat-tempji. Is-sit jikkonsisti f’serje ta’ ħofor naturali fil-blat ta’ daqsijiet varji adattati għad-dfin. L-iskavi pproduċew għarfien ġdid tad-drawwiet tad-dfin tan-nies preistoriċi tal-Gżejjer Maltin.
L-Għar ta’ Ninu u l-Grotta ta’ Xerri
Faċilment aċċessibbli mill-pjazza tar-raħal, hemm żewġ għerien ta' stalattiti u stalagmiti mill-isbaħ. L-ewwel waħda hija l-Għar ta’ Ninu fi Triq Jannar u t-tieni hija l-Grotta ta’ Xerri, li tinsab fi triq bl-istess isem. It-tnejn jinsabu f'residenzi privati, iżda huma aċċessibbli għall-pubbliku.
Il-Mużew tal-Ġugarelli
Fi Triq Ġnien Xibla, hemm il-Mużew tal-Ġugarelli Pomskizillious, li jiġbor fih kollezzjoni privata ta’ ġugarelli mis-seklu dsatax u għoxrin, propjetà ta’ Edwin u Susan Lowe. Dan il-Mużew infetaħ fid-19 ta' Awwissu 1992. Hemm kollezzjoni kbira ta' pupi u djar tal-pupi u firxa ta' ġugarelli għas-subien u l-bniet minn diversi partijiet tal-Ewropa.
It-Tempji ta’ Santa Verna
Il-fdalijiet tat-Tempju ta’ Santa Verna jinsabu fil-Majjistral tar-raħal, fejn grupp ta’ tliet megaliti wieqfa biss għadhom jinsabu fil-post. L-isem tal-post ġej minn kappella ddedikata lil Santa Venera, Verġni u Martri, li darba kienet fl-inħawi. L-Għar ta’ Għejzu
Il-Ġebla ta’ Sansuna
Il-Ġebla ta’ Sansuna