Is-Santwarju Kolleġġjata-Bażilika tat-Twelid tal-Madonna (Marija Bambina)
Ix-Xagħra nfirdet mill-Katidral u saret parroċċa mill-Isqof Davide Cocco Palmeri fit-28 ta’ April, 1688 permezz tad-Digriet Appostoliku Cum in Prima. Il-kappella l-antika ta’ Sant’Anton Abbati serviet bħala s-sede inizjali tal-parroċċa. Iżda l-poplu, mat-talba tal-Isqof, beda jibni knisja ġdida fiċ-ċentru tar-raħal fuq art pubblika mogħtija minn Fra Gregoria Carafa, il-Gran Mastru tal-Ordni ta’ San Ġwann. Sa Mejju 1962, il-knisja l-ġdida kienet qed topera. Din il-knisja kienet iddedikata lill-Verġni Marija, l-ewwel taħt it-titlu tal-Grazzji u żmien wara, lit-Twelid tagħha. Il-popolazzjoni tax-Xagħra kompliet tikber u l-knisja malajr saret żgħira wisq.
Fil-bidu tas-seklu dsatax, il-qassis-perit Għawdxi Dun Salv Bondin ħejja pjan għat-tkabbir tas-Santwarju. L-ewwel ġebla tqiegħdet fit-2 ta’ Ottubru 1815 iżda, minħabba nuqqas ta’ fondi, il-bini tagħha waqaf. Il-faċċata u l-intern tagħha jirriflettu l-karatteristiċi barokk, misjuba fil-biċċa l-kbira tal-knejjes ta’ dawn il-gżejjer. Il-kostruzzjoni ġiet konkluża fil-bidu tas-snin 1850 permezz ta’ kontribut ġeneruż mill-kappillan Dun Mikiel Buttigieg, aktar tard elett bħala l-ewwel isqof ta’ Għawdex. Il-knisja tbierket fl-14 ta’ Frar 1855. Eventwalment ġiet ikkonsagrata solennement mill-Isqof Pietru Pace fis-26 ta’ Mejju 1878. Il-koppla maestuża ttellgħet fl-1892 fuq disinn ta’ saċerdot-perit ieħor Dun Ġużepp Diacono, li kien ukoll kappillan. Fl-1893, il-kappillan ġie elevat għat-titlu ta’ ‘Arċipriet’, li kellu t-titli ta’ Monsinjur, Protonotarju Appostoliku u l-privileġġ li jilbes il-mitra f’okkażjonijiet speċjali. Fid-9 ta’ Marzu 1899, il-Papa Ljun XIII waqqaf ir-raba’ Kolleġġjata ta’ Għawdex f’din il-knisja, biex eventwalment ġiet elevata għal Bażilika minuri fis-26 ta’ Awwissu 1967 mill-Papa Pawlu VI. It-tħabbira ferrieħa ngħatat lill-parruċċani Xagħrin fid-29 ta’ Awwissu 1967 – nhar l-ewwel jum tan-novena tradizzjonali bi tħejjija għall-festa titulari. Il-Bażilika tax-Xagħra għandha żewġ kampnari u sitt iqniepen (l-unika waħda f’Għawdex li għandha dan in-numru ta’ qniepen). Hija l-eqdem li tmur lura għall-1770 u l-akbar, fejn tiżen 2778 kilogramma. L-arloġġ fuq il-faċċata ġie mmuntat fl-1885 mill-arloġġatur Malti Mikelang Sapiano. Fit-8 ta’ Settembru 2003, il-Bażilika tax-Xagħra ġiet affiljata spiritwalment mal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, biex b’hekk kellha l-istess privileġġi ta’ din il-Bażilika maġġuri, fosthom diversi indulġenzi plenarji f’festi Marjani speċjali.
L-intern tal-knisja, f’forma ta’ salib Latin, huwa ta’ meravilja kbira għall-kuluri li hemm sew fl-irħam tal-paviment u l-pilastri magħqudin mal-pitturi u gwarniċuni indurati tul it-tul u l-wisa’ tal-arkata. Dan kollu huwa mwaħħad flimkien mal-koppla meraviljuża. L-irħam tal-art kien iddisinjat minn Injazju Bonavia u magħmul ġewwa Montecatini (1949), filwaqt li l-irħam tal-kolonni kien iddisinjat minn Ruman Buttigieg u Illio Pellocca (1960-65). Huwa l-aqwa u l-ifjen irħam li jinstab fil-knejjes ta’ gżiritna. L-erbatax-il Stazzjon tas-Salib ġewwa l-Bażilika huma wkoll ta’ meravilja spettakolari. Dawn ġew iddisinjati minn Ruman Buttigieg flimkien mad-ditta Garibaldi e Lazzerini, filwaqt li x-xogħol tal-mużajk huwa ta’ Luciano Favret (Pietrasanta, 1963). Il-pitturi kollha fuq l-arkata, fin-navi, fil-ġnub u l-korsiji, ħlief waħda, huma ta’ Virginio Monti, pittur Ruman (1922 - 1928). F’diversi niċeċ fil-knisja u fis-sagristija, hemm sett ta’ għaxar statwi li jiddawru mat-toroq tar-raħal nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Dan is-sett tal-kartapesta saru, ħlief tnejn, minn Luigi Guacci (Lecce, 1914) u rrestawrati minn Antonio Malecore (Lecce, 1989-1992).
Hemm għaxar kappelli fil-Bażilika kollha. Dawn huma ddedikati lil San Lawrenz Martri, il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Dawl, in-Nawfraġju ta’ San Pawl, il-Patroċinju ta’ San Ġużepp, is-Santissimu Sagrament, il-Kurċifiss, il-Verġni Mqaddsa Marija tar-Rużarju, il-Verġni Mqaddsa Marija tal-Vitorja (Il- Bambina), il-Verġni Mqaddsa tal-Karmnu u San Mawrizju Martri. L-istatwa titulari (il-Bambina) saret mill-magħrufa Gallard et Fils (Marsilja, 1878). L-istatwa, mbierka fl-okkażjoni tal-konsagrazzjoni tal-knisja (26 ta’ Mejju 1878), tinsab fuq pedestall ta’ Pio Cellini (l-Italja 1913) u għandha kuruna tad-deheb solidu b’ħaġar prezzjuż (1973) ta’ Joseph Sagona. Din il-kuruna tqiegħdet solennement fuq l-istatwa nhar il-Ħadd, 2 ta’ Settembru 1973 mill-E.T Mons. Nicholas J. Cauchi, dak iż-żmien Isqof tad-Djoċesi Għawdxija. Fl-1985, l-E.T il-Kardinal Luigi Dadaglio poġġa fjura tad-deheb f’riġlejn l-istatwa. Din l-istatwa tiddawwar madwar it-toroq tar-raħal kull 8 ta’ Settembru. Il-kwadru titulari, li juri t-Twelid ta’ Marija Bambina, huwa xogħol imżewwaq tajjeb ferm li juri sofistikazzjoni artistika mill-aqwa. Il-festa tar-raħal tiġi ċċelebrata kull sena fit-8 ta’ Settembru. Fil-preżent, l-Arċipriet tax- Xagħra hu: Mons. Carmelo Refalo STL Prot. Apost. (17 ta’ April 2005 - preżent). Quddies iċċelebrat fil-Bażilika: Matul il-jiem tal-ġimgħa: 5.00am, 5.30am, 6.00am, 6.30am, 7.45am, 8.30am, 4.30pm, 6.00pm (Xitwa), 7.30pm (Sajf). Ħdud u festi ta’ obbligu: 5.00am, 6.00am, 7.00am, 8.30am (Konventwali), 9.45am, 11.00am, 5.00pm u 7.30pm.
Il-Knisja ta’ Sant’Anton Abbati
Din il-Kappella ad unur Sant’Antnin Abbati fiż-żona komunement magħrufa bħala tal-Qaċċa hija rreġistrata sa mill-1520. Fl-1575, il-kappella kellha ċimiterju żgħir quddiem li jfisser li fil-viċinanzi kienet tgħix komunità żgħira.Fit-28 ta’ April 1688, din il-kappella saret is-sede tal-parroċċa li kienet għadha kif twaqqfet, b’Dun Bernard Formosa bħala l-ewwel kappillan. Hija serviet bħala knisja parrokkjali sa Mejju 1692. L-għamara kollha tal-kappella, inkluż l-artal antik kellu jinħaraq fl-1814 wara li faqqgħet il-pesta. Fl-10 ta’ Frar 1942, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija, splodiet bomba fil-viċinanzi u l-isplużjoni għamlet ħsara lis-saqaf u partijiet oħra tal-kappella. Inbniet parzjalment mill-ġdid u reġgħet infetħet fit-30 ta’ Settembru 1947. Tmien snin wara, ġiet imkabbra bi strutturar fuq quddiem għal fuq iz-zuntier u reġgħet infetħet fit-3 ta’ Novembru 1955. Fl-1984, il-familja Bajada irregalat lill-knisja statwa titulari ġdida ta’ Sant’Antnin, opra kbira tal-arti maħduma mill-artist lokali Michael Camilleri Cauchi.
Il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Nicholas J. Cauchi fit-28 ta’ April 1988, waqt it-tifkira tat-300 sena Anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa tax-Xagħra. Fl-1993, inbniet sagristija ġdida u l-faċċata ġiet mibdula. Nhar il-Ħadd 21 ta’ Jannar 2001, ġie inawgurat monument fil-ġebel ad unur Sant’Anton, f’nofs il-pjazza biswit il-knisja. L-artal huwa xogħol tal-arti li sar fl-1818 minn Salvatore Bondi (1790-1859). Dan juri lil Sant’Antnin jitlob f’għar; fl-isfond, fin-naħa ta’ fuq tax-xellug, hemm il-medda art ta’ Għajn Lukin fil-periferija tax-Xagħra u t-tined fejn fl-1814, dawk infettati bil-pesta kienu magħluqin. Fl-2006, ġie restawrat l-intern tal-knisja. Il-proġett ġie inawgurat mill-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, nhar is-17 ta’ Jannar 2007, jum il-festa liturġika tal-Qaddis.
Il-festa ta’ Sant’Anton tiġi ċċelebrata kull sena fit-tielet Ħadd ta’ Jannar (il-Ħadd li jkun l-eqreb is-17 ta’ Jannar). Sinonimu ma’ din il-festa, hemm it-tberik tradizzjonali tal-annimali peress li Sant’Antnin huwa l-patrun tagħhom. Ir-Rettur preżenti hu: Rev. Kan. John Sultana (1998 - preżent). Quddies iċċelebrat f’din il-knisja: Matul il-jiem tal-ġimgħa: 6.30pm (Xitwa), 7.30pm (Sajf). Ħdud u festi ta’ obbligu: 6.30am, 10.00am.
Il-Knisja ta’ Ġesu' Redentur
It-tielet kappella tinsab fl-inħawi ta’ Gajdoru, issa magħrufa aħjar permezz ta’ din il-kappella, bħala Tan-Nazzarenu. Hija ddedikata lil Kristu Re. Il-kappella nbniet fl-1904 fuq disinn ta’ Dun Gużepp Diacono -Arċipriet tal-istess kappella, għall-komodità tan-nies f’dik iż-żona. L-artal maġġur kif ukoll l-artal tal-ġenb tax-xellug iddedikat lil San Ġużepp huma ta’ Lazzaro Pisani, filwaqt li l-artal tal-ġenb l-ieħor huwa ddedikat lil Sant’Anna u għandu ritratt ta’ Ġanni Vella. Fil-21 ta’ Novembru 1930, komunità ta’ Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù, imwaqqfa minn Dun Ġużepp Diacono u Margherita Debrincat, marru joqogħdu f’dar maġenb il-knisja. Dawn bdew jieħdu ħsieb il-knisja kif ukoll jagħtu lezzjonijiet tal-katekiżmu. Fetħu wkoll skola tal-kindergarten.
Il-kappella ġiet ikkonsagrata mill-E.T l-Isqof Mons. Michael Gonzi fil-15 ta’ Novembru 1931. Fl-2001, b’inizjattiva ta’ Rev. Injazju Borg, dak iż-żmien rettur tal-istess kappella, (fil-preżent Kappillan ta’ San Lawrenz), il-knisja ġiet adattata għall-istruzzjonijiet mogħtija mill-“Konċilju Vatikan II”. Il-proġett ġie inawgurat mill-E.T l-Isqof Mons. Nicholas J. Cauchi nhar il-Ħadd, 3 ta’ Novembru tal-istess sena. Il-festa, li tinkludi purċissjoni bis-Santissimu Sagrament, tiġi ċċelebrata fit-tielet Ħadd ta’ Ottubru. Ir-Rettur preżenti hu: Rev. Kan. Anthony Refalo Rapa. Quddies iċċelebrat f’din il-knisja: Matul il-ġimgħa: 7.30am, 6.30pm (Xitwa), 7.30pm (Sajf). Ħdud u festi tal-obbligu: 6.00am, 7.30am, 10.30am.